Skip to main content

Jitħabbru d-dettalji tal-iskema ‘Surrender your Licence Scheme’ mill-pjan Reshaping our Mobility

18 DECEMBER 2025:

Skema nazzjonali ġdida se tiftaħ mill-1 ta’ Jannar 2026, li permezz tagħha żgħażagħ b’età massima ta’ 30 sena jistgħu jagħżlu li volontarjament jirrinunzjaw il-liċenzja tas-sewqan tagħhom għal perjodu ta’ ħames snin, b’inċentiv finanzjarju totali ta’ €25,000. Il-fond allokat għal din l-iskema huwa ta’ €5 miljun.

L-għotja ta’ €25,000 se titħallas fuq ħames snin, b’€5,000 fis-sena, u hija soġġetta għall-kundizzjoni li l-liċenzja tas-sewqan tibqa’ sospiża matul dak il-perjodu. L-iskema hija fuq bażi ta’ first-come, first-served. Din l-inizjattiva tkompli tpoġġi l-għażla u l-inċentiv fiċ-ċentru tad-deċiżjoni, bil-għan li tinbidel il-mentalità u l-mod kif inħarsu lejn il-mobbiltà, b’aktar enfażi fuq mezzi ta’ trasport alternattivi.

Dawn id-dettalji ingħataw waqt konferenza indirizzata mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett u l-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta Kurt Farrugia.

Il-Ministru Chris Bonett qal li din l-iskema hija mfassla biex toħloq għażla iktar attraenti li tnissel kultura ġdida fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa. “Qed noffru inċentiv b’saħħtu lil min irid jagħmel il-bidla fil-mod ta’ kif jivvjaġġa. Nemmnu li ż-żgħażagħ kapaċi jkunu l-katalisti tal-bidla li pajjiżna għandu bżonn fil-qasam tal-mobbiltà fejn il-karozza ma tibqax l-unika mezz ta’ trasport li wieħed jikkunsidra. Għalhekk ser inkunu qegħdin ngħinu b’mod dirett lil dawk li jixtiequ jkunu parti minn din il-bidla," qal il-Ministru Bonett.

Il-Ministru spjega kif din l-iskema hija parti minn viżjoni fit-tul fejn il-Gvern qed joffri diversi miżuri u inċentivi biex jinħolqu mudelli ġodda ta’ mobbiltà li joffru aktar għażla ta’ kif wieħed jivvjaġġa. Fost dawn hemm iż-żieda fil-konnessjonijiet bil-baħar b’sistema ta’ ferries li tgħaqqad in-Nofsinhar sat-Tramuntana tal-pajjiż. “Dawn il-mudelli joffru aktar flessibbiltà u bil-mod il-mod, inaqqsu l-pressjoni minn fuq it-toroq tagħna," temm jgħid il-Ministru Bonett.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, Kurt Farrugia qal li l-Awtorità se tkun qed tamministra l-iskema b’mod trasparenti u strutturat. “Transport Malta se tiżgura li l-proċess ta’ applikazzjoni u ħlas ikun ċar, konsistenti u mmonitorjat b’kontrolli rigorużi. L-iskema hija mfassla biex toffri ċertezza lill-applikanti u tħares l-interess pubbliku fl-istess ħin," temm jgħid is-Sur Farrugia.

Id-dettalji dwar il-kriterji ta’ eliġibbiltà u l-proċess ta’ applikazzjoni jistgħu jiġu aċċessati mis-sit ta’ Tranpsort Malta.

Share this article